Ibgħatuni lura pajjżi ħalluni ħa
nintilef
fix-xefaq
u allura ħalluni negħreq bilmod
nitbandal u negħleb u nitbennen
fuq mewġ jinki bejn nifs u għarqa
fuq sider jinki bejn bikja u tgħanniqa
għax wisq barranija għad-dar
u wisq barranija għal hawn
u qatt biżżejjed għat-tnejn
***
ma titlaqx mid-dar jekk mhux
qed tiġri warajk bin-nar taħt
saqajha – titlaq biss meta d-dar
ma tħallikx toqgħod iżjed fiha:
qatt ma tinsa d-dar li kienet wisq iżjed
minn lingwa li kibret f’ħalqek qabel tibda’
titkellimha bid-demm jitkaxkar ma’ lsienek
qatt ma tinsa d-dar qabel ma tibda’ tfittex
oħra għal bintek – għall-mara t’għada –
ma tarmihiex fil-baħar la darba l-baħar
mhux aktar dar mid-dar – ma tbenninhiex
f’idejn ħaddieħor – għax int il-mamà tagħha
int żammejtha sa ma flaħtx iżjed u issa
se jkollok tħalliha – għax pajjiżek ma jridekx
u int ma tridnix lanqas u allura,
“ħudu lilha u lili ħalluni mmut”
qatt ma taħrab ladarba ma jkollok xejn
minn xiex taħrab – ladarba pajjiżek
ma lagħabx waħda pulizija w ħallelin
bil-pistola ma widnejk – bomba taħt
ħaddejk – disgħa kull fl’għaxija – disgħa
disgħa u erbgħin
bejn sema w baħar
Written by: Klara Vassallo
(This article was originally written on civilsocietymt.com)
HAVE AN INTEREST, IDEA, OR AN OPINION?
Do you have an interest you’d like to tell others about? Or an opinion you’d like to share with the world? From politics to culture and sports, message us if you would like your articles published!