Meta jofrogħ il-baħar, inkellmek, ja Malta. Meta ma jkollix iżjed kliem għalik, niċċassa. Meta tiġri warajja bin-nar taħt saqajja u naħrab, interraq x’imkien ‘il bogħod, ibkini. Meta ma toffrilix aktar għażliet u nitlaq, xejjirli. Meta l-mewġa tibda’ titħabat għax ma tiflaħnix iżjed, teħodnix lura. Meta t-trejjaq ma nkunx nafhom aktar u meta niktiblek is-sentenzi u int ma taqrahomx u lil niesi ma narafhomx, naħrab iżjed ‘il bogħod.
Meta tibki baħar dmugħ biex issalva l’uliedek fih, nitkellmu, ja Malta. Meta tgħid kelma u ma jisimgħukx, niċċassaw. Meta tfittex post fejn ix-xemx ma tarahiex u nterrqu x’imkien ‘il bogħod, ibkini. Meta ma jkollokx fejn tmidd rasek fl’għaxija, ma niftaħlekx. Meta t-trejjaq tkun tridhom lura u meta tiktibli s-sentenzi u ma naqrahomx u lil niesek ma tarafhomx, naħarbu iżjed ‘il bogħod.
Meta tirkeb fuq id-dgħajsa, ħares lejha. U meta tħares lejha, ara mara. Li xi darba bħalek, ħolmot, ja Malta. Ħolmot li xi darba lil uliedha ma tgħattilhomx widnejhom biex fihom ma titwelidx it-twerwira mill-bombi u l-attakki ta’ mal-lej’, ma tkexkixomx taħt il-lożor. U ħolmot li qatt ma jsaqsu “imma mamà, fejn mortli fej’?”
Meta tbennen lil bintha bejn ir-raġel u t-tifel l-ieħor, isma’ t-tikrib. Qisek tafha dit-tikriba, ja Malta, ta’ bintek tmut bil-ġuħ, tterter bil-bard, it-tqaċqiċa f’qiegħ id-dgħajsa, qisek tafha sew, ja Malta. Meta tibki, forsi lil qalbha ma tgħerriqhiex, għidilha li jekk tibki aktar dmugħ se tkompli żżid it-taqtiriet fil-baħar u tgħerreq lil bintha magħha. Għidilha f’wiċċha, imma. Meta tkun qed tikkonvinċi lil bintha li l-baħar iħobbha u ma jridx jiblagħha, waqt li tiġborha minn ġo fih, ħares aktar lejha.

Meta tiftakar, ja Malta, li anke int ridt tara lil uliedek jidħku flok jibku, jilgħabu flok itertru, jieklu flok jingħu, jgħixu flok imutu. Meta tgħidilhom li qed tegħreq aktar minnhom, ja Malta, ftakar li dak li hemm taħt saqajk mhux ser jisfronda u mhux kapaċi jibilgħek, ftakar li dak li tgħix fih ma jitbandalx u ma jitriegħedx ma’ kull żiffa riħ. Meta tgħidilhom kemm huma tosti u misshom ma telqux, u tgħidilhom li jekk ma jgħerrqux, tgħerriqhom int, ħalli l-vojt jiġi jżurek. Ħallih itektiklek fuq it-twejqa. Meta toħroġ timxi fuq ix-xatt matul il-lejl, u meta terġa’ tiftaħ qalbek mis-sakra li sakkartha, ja Malta, ħoss ir-raxx tal-mewġ ma’ ħaddejk u ħallih jifforma d-dmugħ waħdu. Stampati. Immarkati. Imtebbgħin. Ftakar li f’dak ir-raxx hemm dik il-mara u bintha.
Meta jien, ukoll, ikolli nitlaq, tibkinix, ja Malta. Għax la ma tridx lilhom, ma tridx lili. La ma tridx ssalva lilhom, issalvax lili. La tridhom jitilqu, nitlaq jien. U xxejjirlix, u tbusnix, u tgħannaqnix, qabel nitlaq. Meta tkun miexja ħdejn ix-xatt, u tħoss ir-raxx jimbotta d-dmugħ, ftakar li fih hemm dik il-mara, ftakar li fih hemm jien, daqs kemm hemm hi. Meta tħalli l-baħar jikolhom, ja Malta, tibkihomx, għax int għerriqthom.
Written by: Klara Vassallo
(This article was originall posted on civilsocietymt.com)
HAVE AN INTEREST, IDEA, OR AN OPINION?
Do you have an interest you’d like to tell others about? Or an opinion you’d like to share with the world? From politics to culture and sports, message us if you would like your articles published!