Prefer English? Read the same article here: Unto the next interlude
F’temp ta’ tmien snin, Malta rat żewġ prim ministri, żewġ elezzjonijiet ġenerali, u erbgħa mexxejja tal-oppożizzjoni. Għal żmien relattivament qasir, din hija bidla sinifikanti għax-xena politika tagħna (speċjalment meta tqis li spiċċajna f’stiwazzjoni fejn il-mexxejja ta’ pajjiżna tista’ tgħid qatt ma għaddew minn vot tal-poplu).
Iżda, bħal produzzjoni teatrali, il-politika Maltija, għalkemm l-atturi tagħha inbiddlu, baqgħet l-istess. Jekk dan mhux biżżejjed, fi żmien meta n-nies iridu l-istabbilta’ u l-konsistenza, uħud jibżgħu li l-isfond politiku tagħna għadu ma messx il-qiegħ li hemm quddiemu.

S’issa, tista’ tgħid iż-żmien kollu ta’ Robert Abela u Bernard Grech kien ikkaratterizzat mill-imxija tal-COVID19, u l-immaniġġjar tas-sitwazzjoni li ħarġet mil-gvern. Ma’ dan nistgħu nżidu suġġetti bħal-legalizzar tal-marijuana, servizzi relatati mal-IVF ġewwa Malta, il-prezzijiet tal-kirja, u l-immigrazzjoni irregolari. Naturalment, wieħed ma jistax ma jsemmix l-attenzjoni li ngħatat lir-rivelazzjonijiet li ħarġu mill-investigazzjonijiet fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u dawk dwar il-prattiċi korrotti li ġew imniegħda fi ħdan il-gvern malti fl-aħħar snin.

Tajjeb ngħid li, għalkemm nemmen li l-kwistjonijiet imsemmija ma rawx tibdil sostanzjali minn meta nbidlu l-kapijiet tal-partiti, dan ma jfissirx li ma kienx hemm differenza fil-mod ta’ kif ġew trattati, speċjalment fl-isfond pubbliku. Ir-relazzjonijiet ta’ bejn Joseph Muscat u Simon Busuttil, Muscat u Adrian Delia, u issa Robert Abela u Bernard Grech, ilkoll kellhom natura separata mill-oħra, iżda issa rridu naraw kif jevolvu id-differenzi bejn iż-żewġ partiti – dejjem jekk ikun hemm tibdil ta’ xi forma.
Fl-aħħar mill-aħħar, Malta għandha bżonn tfittex taffaċja l-isfidi li għandha quddiema, għaliex sakemm dan isir huma se jibqgħu iberrqu u jitfgħu id-dell dejjem jikber tagħhom fuqha. Jekk hija l-problema tas-saltna tad-dritt, jekk hija dik tal-ambjent naturali tagħna, l-iżvilupp artifiċjali jew dik tal-immigrazzjoni, fl-ebda waħda ma nistgħu nibqgħu inwarrbu taħt it-tapit.

Il-ħsieb tal-partiti għandu jieqaf iħares lejn is-survey t’għada, u jinbidel f’wieħed ta’ pjan għal kif nistgħu nittrattaw dawn il-mistoqsijiet eżistenzjali għal futur ta’ pajjiżna, għaliex kull waħda minnhom se tifforma l-fibra ta’ Malta tal-futur.
Written by: Jacob Callus
One thought on “Għal waqfa li jmiss”