Moħħom fil-Qamar.
Minħabba l-gwerra. Bħal donnu tant drajna bil-konvenjenza tal-pandemija, il-konvenjenza li għal kull sitwazzjoni fil-ħajja nistgħu ndeffsu l-iskuża komika ‘due to COVID-19’, li issa, bħal kull kommodita ġdida oħra, ma nistgħux ngħixu mingħajra.
Tfaqqa’ l-gwerra fl-Ukrajina. Noborxu rasna. Nuru solidarjeta. Nagħmlu Zoom call impressjonanti. Nibagħtu l-ambulanzi. Nilqgħu l-immigranti. Li hemm bżonn. Għax issa għandna skuża ġdida. In-nies iddejqu mil-Covid. Issa nistgħu ngħidulom kelma ġdida. Xi tkun il-kelma li jmiss tgħid? Kriżi ekonomika? Kriżi kostituzzjonali? Ma ġara xejn, dik problema għal leġislatura oħra.
Infaqna l-biljuni fi proġetti fantażma. In-nies faċli tikkonvinċihom li kellna bżonnhom. Imma bi Brussell x’ser nagħmlu? L-elezzjoni fadlila. Diffiċli ndawru n-nies kontriha wkoll – m’hemmx bżonn, hemm il-gwerra.
Għolli l-prezzijiet.
Staġna l-pagi.
Naqqar mill-universita.
Naqqar mill-ambjent.
Naqqar mill-wirt storiku.
Naqqar min-negozju.
Għalfejn? Eh ija, il-gwerra! Solidarjeta’ dejjem, ma ninsewx, dawk ħutna. Le le mhux ta’ ġol-baħar, dawk suwed, mela mhux tismani? Għal ħutna propja qed ngħid jien.
Orrajt, frankajna ftit flus issa. Għandna biex nagħmlu x-xirja ta’ dis-sena f’Novembru. Il-missier ilu iktar minn xahrejn ma joħroġ mil-kamra. Jien naħseb li raqad ftit fit-tul, imma l-mama’ qaltli li kien qed jistduja u jitħasseb fuq kif se jagħmel l-aqwa xirja possibbli.
Tgħid jonfoq fuq il-fqir? Fuq it-trasport? Fuq l-edukazzjoni? Stramba kieku, l-elezzjoni fadlilha. Forsi jagħtihom lil vittmi tal-gwerra, tant ilu jgħid fuqha? Le anzi, hekk ikun qed jgħin lil barrani, u n-nies tagħna għandhom bżonn l-għajnuna, ma jkunux kuntenti. Naf x’nagħmlu! Bandiera tal-barrani u programm għan-nies tagħna wara l-Milied – hekk kulħadd jkun kuntent.
Oqgħod! Ieqfu tkellmu, ħiereġ il-missier, żgur jgħidilna fuq xiex se tkun ix-xirja!
“Ser immorru inkellmu biljunarju fuq kif nistgħu ngħinuh.”
“Iva pa? X’se ngħinuh jagħmel? Xi skola? Xi housing? Xi flyover ieħor?”
“Se ngħinuh f’xi ħaġa fl-ispazju.”
“X’jiġifier-“
“Biżżejjed issa, xebbajtni, ħa nerġa mmur norqod, ħa, kul dil-mitt ewro, pipi u sodda”
“Imma pa-“
“Narak fl-2024 għal tal-Ewropa.”
“Ok pa, l-lejl t-tajjeb!”
The views expressed in this article are those of the author and are not reflective of ‘A Bird’s Eye View’ as a whole.

Written by: Gianluca Vella
HAVE AN INTEREST, IDEA, OR AN OPINION?
Do you have an interest you’d like to tell others about? Or an opinion you’d like to share with the world? From politics to culture and sports, message us if you would like your articles published!